|
Analiżi Kritika tal-Proża |
|||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
|
Suġġerimenti gћall-Kritika tal-Proża
L-ewwelnett, bħal fil-każ tal-kritika tal-poeżija, importanti li żżomm f’moħħok li l-analiżi ta’ silta ta’ proża hija qabelxejn analiżi tal-forma tagħha, jiġifieri tal-mod kif inhi miktuba. Analiżi tajba tal-forma twassal għal għarfien tajjeb tal-kontenut, jiġifieri ta’ dak li qed tgħid is-silta.
Jekk tinduna li qed tirrakkonta s-silta li suppost qed tanalizza jfisser li m’intix qed tagħmel analiżi, għax il-kritika letterarja mhix eżerċizzju li permezz tiegħu “tirrakkonta” s-silta mill-ġdid fi kliemek, jew taqsira tas-silta. Jeħtieġ li tara x’inhuma l-għodod letterarji li qed tinqeda bihom is-silta u tara wkoll x’inhuma l-effetti li qed joħolqu dawn l-għodod letterarji, bħar-ripetizzjoni, il-ħsejjes, ir-riferiment għal sensi differenti, id-diskors dirett, il-metafori u s-similitudnjiet, u l-bqija.
Mill-bidu tajjeb li tistabbilixxi jekk is-silta ta’ proża li qed tanalizza hix proża narrattiva, deskrittiva, jew argumentattiva. Ara hix djarju, jew rapport ġurnalistiku, jew ittra, u l-bqija. Ara wkoll hix proża alliterattiva, jew poetika, jew polifonika, jew rimata (Ara d-Dizzjunarju ta’ Termini Letterarji ta’ Oliver Friggieri) Dwar tipi differenti ta' proża ara wkoll La prosa e i generi letterari.
X’tip ta’ ritmu għandha s-silta?
X’inhu t-ton? It-Taljani jħobbu jgħidu li “Il tono fa la musica,” u veru, għax it-ton jista’ jdawwar it-tifsira ta’ dak li qed tgħid ta’ taħt fuq. Jekk tgħid “sabiħ” b’ton ironiku jkun ifisser li qed tgħid l-oppost ta’ dak li normalment tfisser il-kelma “sabiħ”. Jista’ jkollok ħafna tipi ta’ ton, anki aktar minn ton wieħed f’silta. Dawn huma ftit ħafna mit-tonijiet possibbli:
Mat-ton hemm elementi important ħafna, bħall-burdata u l-atmosfera.
Il-lessiku – l-għażla tal-kliem li jintuża fis-silta – għandu xi karatteristiċi partikulari? Ngħidu aħna ġej minn xi qasam (jew reġistru) partikulari tal-lingwa? Jew forsi huwa mixħut fuq kulur jew kuluri partikulari?
Il-metafori – hemm xi metafora jew similitudni li hija mifruxa matul is-silta kollha? Li mingħajrha ma tistax tapprezza s-silta u l-qawwa tagħha (bħal fil-każ tal-personifikazzjoni tas-siġra fil-poeproża ta’ Victor Fenech “Iż-Żabra”)?
Meta tinnota xi mekkaniżmu letterarju fis-silta, xi metafora, jew ritmu partikulari, jew għażla ta’ konsonanti, jew burdata, dejjem staqsi lilek innifsek x’inhu l-effett li għandu dan l-element fuq is-silta kollha kemm hi u fuqek li qed taqra s-silta. Kif iġiegħlek tħossok? Xi jġiegħlek taħseb? U l-bqija…
Fil-każ ta’ proża narrattiva, ta’ rakkont, ara hix, fost l-oħrajn, narrazzjoni fl-ewwel persuna jew fit-tielet persuna; inkella monoloġika jew djaloġika.
Stħarreġ is-sintassi tas-silta, il-binja tas-sentenzi u l-effett tagħhom fuq it-tematika.
Skond it-terminoloġija ta’ Oliver Friggieri fid-Dizzjunarju tiegħu, in-narratriċi jew in-narratur jista’ jkun wieħed jew iżjed minn dawn li ġejjin: Omodijeġetiku • Awtodijeġetiku • Eterodijeġetiku • Extradijeġetiku • Aġent • Impersonali • Li-jaf-kollox • Li-jinsab-kullimkien • Mikxuf • Moħbi • Li-jindaħal
Staqsi lilek innifsek x’differenza tagħmel li n-narrazzjoni hija fit-tielet persuna mhux fl-ewwel persuna; staqsi dwar ir-rwol tan-narratur-li-jindaħal, jew tan-narratur moħbi (jew għallinqas jagħti l-impressjoni li mhux qiegħed hemm). Aktarx li l-għażla tat-tip ta’ narrazzjoni hija għażla fundamentali f’xogħol letterarju narrattiv u għaldaqstant tħalli effetti determinanti fuq is-silta kollha kemm hi.
Ara wkoll l-istruttura (l-arkitettura hemm min isejħilha) tas-silta kollha kemm hi. Ngħidu aħna l-istorja qasira “Fjuri Mxerrda fuq il-Bankini” għandha struttura li tidher minnufih – imma mhux is-siltiet kollha għandhom struttura daqshekk partikulari. Eżempju ieħor huwa t-tieni kapitlu tar-rumanz Samuraj ta’ Frans Sammut.
Fil-kritika tiegħek ikun interessanti ħafna jekk tqabbel it-teknika narrattiva tas-silta li qed tanalizza mat-teknika ta’ xi silta oħra li tkun qrajt.
Apparti r-ritmu, fil-qasam tal-ħoss tidħol ukoll ir-rima, l-alliterazzjoni, l-onomatopeja, il-konsonanza; u l-assonanza; ara wkoll jekk is-silta tagħfasx fuq ċerti konsonanti jew vokali iktar milli fuq oħrajn. Ara jekk is-silta tesplorax sensi differenti: ix-xamm, il-viżta, it-togħma, is-smigħ, u l-mess. Staqsi lilek innifsek għaliex u x’inhu l-effett.
Ħafna siltiet ta’ proża letterarja jkun hemm karattru jew karattri. Spjega ftit il-karatterizzazzjoni, jiġifieri kif is-silta tibni l-karattru tal-persuna li jkun hemm fis-silta: ngħidu aħna tinqeda b’dak li jingħad fuqu minn ħaddieħor, jew b’dak li jgħid hu stess; jew bi ftit osservazzjonijiet imxerrdin ’l hawn u ’l hemm fis-silta. Ara jekk huwiex karattru ċatt jew tond, jekk hux karattri fokali, jekk hux statiku, sterjotipat, jew tipiku. Ara l-karattru huwiex karikatura.
Ara t-temi li tistħarreġ is-silta. F’kitba tajba aktarx li ma jkunx hekk tema waħda. Uħud mill-kitbiet jaħsdu lill-qarrejja għax imissu suġġetti li ma nistennewx li se nsibuhom fil-proża, speċjalment dik letterarja. L-awturi sikwit jisfruttaw dan il-potenzjal li għandha l-l-letteratura li taħsad, li tiskandalizza, li taffronta temi meqjusin bħala tabù.
Interessanti wkoll l-isfond soċjali, politiku, storiku, u letterarju. Ħafna kitbiet jirriflettu żmienhom u min kitibhom.
Imbagħad hemm tipi differenti ta’ ripetizzjoni – żomm f’rasek li din ma tintużax biss bħala enfasi. Hemm ripetizzjoni li kapaċi ddawwar it-tifsira ta’ taħt fuq, u ripetizzjoni li toħloq monotonija. Jista’ jkollok ripetizzjoni ta’ kliem imma anki ta’ metafori, jew similitudnijiet, jew xbihat; ir-ripetizzjoni tista’ tintuża wkoll biex toħloq effett ta’ mużikalità, jew ta’ solennità, jew ta’ kantaliena (monotona).
Fin-narrattiva ġieli jintużaw l-analessi (il-flashback) u l-prolessi (il-flashforward).
Il-ftuħ u/jew l-għeluq ta’ silta kapaċi jagħtu l-burdata lis-silta kollha.
Id-diskors dirett, id-diskors indirett u d-djalogu lkoll iħallu l-effett tagħhom. X’differenza hemm bejniethom u l-effetti li joħolqu? Kultant id-diskors dirett jintuża mhux biex il-bnedmin jikkomunikaw bejniethom imma għal għanijiet oħrajn: biex jiġġieldu, biex jitkixxfu, biex iqarrqu, u l-bqija.
Ir-rumanz storiku romantiku għandu l-istil tiegħu; ir-rumanz ta’ wara l-Indipendenza huwa fost l-oħrajn reazzjoni kontra dan l-istil romantiku. Għal ħarsa lejn l-iżvilupp u t-tipi differenti ta’ rumanz fil-letteratura Maltija ara d-Dizzjunarju ta’ Oliver Friggieri: rumanz awtobijografiku, gotiku, konfessjonali, pikaresk, popolari, psikoloġiku, saga, sentimentali, soċjali, storiku, ta’ problema, ta’ tifkira…
© Adrian Grima L-1 ta' April 2003
(siltiet minn Oliver Friggieri, Dizzjunarju ta’ Termini Letterarji, 1996, 583-584)
“Fis-sens dejjaq, il-proża hija kitba mirquma maħduma b’għan li tilħaq livell letterarju, b’bixra stilistika tipika ta’ l-awtur, b’differenzi mill-ilsien standard u b’damma ta’ devjazzjonijiet imnisslin mill-fatt li l-kittieb m’huwiex kelliem-kittieb normali iżda artist, manipulatur tal-kelma għal skopijiet li jmorru lilhinn mill-komunikazzjoni normali. Waqt li l-proża normali hija għamla ta’ ħarsien tar-regoli ta’ l-ilsien standard, il-proża letterarja hi għamla ta’ ħolqien mill-ġdid ta’ l-ilsien.”
“Proża letterarja tintgħażel mill-proża normali minħabba għadd ta’ elementi: il-varjetà sintattika, il-mudelli ritmiċi, il-konċiżjoni, l-implikazzjoni, il-‘wit’, il-melodjożità fl-għażla u fit-tqegħid tal-kliem f’ambjent wieħed u s-sens ta’ sorpriża li jaħkem minn sentenza għal oħra.”
“Il-proża, letterarja u komuni, fiha r-ritmiċità tagħha, li hi effettiva u tidwi l-kontenut skond il-ħila ta’ l-awtur li jbiddel is-sens f’ħoss. Stili differenti huma riflessi ta’ awturi, żminijiet, kontenuti, burdati u strateġiji letterarji differenti.”
(siltiet minn Angelo Marchese, Dizionario di retorica e di stilistica, Milan: Arnaldo Mondadori, 1991, 250)
Sin dall'antichità vennero distinti tre generi basilari di prosa:
Non è nostro intendimento scendere ad una minuta catalogazione delle diverse forme espressive che rientrano in questi tre grandi filoni. Ci limiteremo a ricordare che
Col Romanticismo vengono a cadere le rigide distinzioni fra un genere e l'altro: soprattutto si assiste a una graduale destrutturazione delle forme metriche tradizionali e a una parallela ricerca ritmica nella prosa, che porterà con Baudelaire, Verlaine, Rimbaud e altri decadenti al poema in prosa, alla prosa musicale, al frammento lirico o, in una sperimentazione non divergente, al verso libero simbolista e postsimbolista.
Testi għall-Analiżi Kritika tal-Proża(kors ta' Adrian Grima)
Din il-ġabra ta’ siltiet ta’ proża meħudin minn kotba u kittieba differenti għandha l-għan li tagħtik ħjiel tal-varjetà ta’ stili u temi li jeżistu fil-letteratura Maltija u fl-istess ħin tħeġġek biex taqra l-kitbiet sħaħ.
ag 10.03 |
|||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||